It-Tilqim

It-tilqim fil-biedja jfisser meta tgħaqqad żewġ pjanti jew siġar mill-istess familja ma’ xulxin. Dan ifisser li tagħżel għerq li jkun b’saħħtu għall-mard biex tlaqqmu ma’ fergħa li tipproduċi ħafna frott.
Ġieli nlaqqmu meta ċertu siġar jiġu attakkati b’xi mard eżempju s-susa li jkun dgħajjef iz-zokk prinċipali. Allura li jiġri hu li nużaw bgħula b’saħħithom biex naqbżu l-parti li ddgħajfet bil-mard u nlaqqmu mal-parti b’saħħitha. Illum hawn diversi metodi ta’ kif tlaqqam u kollha għandhom iż-żmien tagħhom meta jsiru.
It-tilqim ilu jsir mill-bidu tal-biedja. Irridu nfakkru li avolja Malta ma teżistix din il-problema, barra minn hawn ma tlaqqamx minn siġar mixtrija, dan għax tkun qed tikser il-liġi billi jingħadd qisu serq lil min ħadem biex ħoloq dik it-tip ta’ razza.
Biex isir it-tilqim trid ftit għodda. Trid martell żgħir, sikkina tat-tilqim, tape tal-karti (masking tape), żebgħa tas-siġar, imqass taż-żabra u serraglu u jekk trid grafting tape ikun trasparenti qisu cling film. Niftakru li l-għodda trid tkun miżmuma nadifa u dejjem tiġi mnaddfa minn tilqima għal oħra bl-alkoħol jew bil-bleach.

Niftakru li meta nlaqqmu ħafna drabi nużaw is-sikkina billi niġbdu lejna. Allura noqgħodu b’seba’ għajnejn li ma nweġġgħux. Niftakru li l-għodda li qed nużaw jaqtgħu u bil-ponta.

Meta naqtgħu biex inlaqqmu importanti li l-qatgħa tkun nadifa kemm jista’ jkun u bla xfar. Allura importanti li l-għodda tkun taqta’ billi insinnuha spiss. Jekk ħa tlaqqam l-ewwel darba, ta’ parir li tipprova il-qatgħa fuq xi zkuk ħżiena ħalli trabbi naqra x-xeħta għall-bidu.
Oqogħdu attenti minn xi zkuk li jkunu tat-tieni sena għax kapaċi jaħsdek xħin tmur taqtgħu bis-sikkina billi jkollu l-qoxra iebsa u tagħmel naqra saħħa żejda u tispiċċa tweġġa’.
Hawn ħa nibdew insemmu d-diversi sistemi ta’ tilqim, ma jfissirx li dejjem ħa jirnexxu jew li ma jeżistux metodi oħra. Ftakru li hemm ħafna fatturi biex tilqima taqbad, fosthom kemm tinqala’ l-qoxra, kemm tkun isiġillajt il-ġrieħi sew u kemm ikun hemm kuntatt mit-tilqima għall-għerq.
Hawn min ilaqqam biex ikollu tipi differenti ta’ frott jew fjuri fuq siġra waħda. Tipo hawn min ikollu ħawħa tagħmel tliet varjetà ta’ ħawħ fi żmien differenti. Jew hibiscus u roses b’ward differenti.

It-Tilqim tal-kuruna
L-ewwel metodu li ħa nsemmi hu t-tilqim tal-kuruna. Għall-frott tal-għadma jsir f’Jannar mentri għaż-żebbuġ isir f’Mejju.

Meta nkunu ħa nlaqqmu, importanti li s-siġar li ħa nużaw ikunu imsoqqija sew. Hekk meta tipprova taqla’ l-qoxra, din tinqala’ waħedha bla problemi ta’ xejn. L-ewwel pass huwa li taqta’ kemm il-feles u s-siġra li ħa tlaqqam minnha. U fuq is-siġra li ser tlaqqam taqta’ linja dritta ta’ 5ċm. Il-feles importanti li jkollu ħxuna ta’ lapes u mqar żewġ għajnejn (buds) minn fejn ser jarmi l-weraq.

Wara li nkunu ċerti li l-qoxra tinqala’ ħafif minn maz-zokk, inkunu nistgħu nibdew nirranġaw il-feles. Hawnekk noqogħdu attenti għax sejrin nużaw għodda taqta’ biex nirranġaw it-tilqima. L-aħjar naqtgħu l-feles itwal ħalli jekk tieħu żball billi xxerraħ ħafna, tkun tista’ tirranġaħ.

Dejjem xerraħ daqs il-farrett li għamilt ġol-għerq, bejn wieħed u ieħor 5ċm twil. Ħaġa importanti oħra, it-tilqima xxerraħha miż-żewg naħat sa xħin issib il-qalba (heartwood) li tkun qisha vina ta’ kulur differenti.

Importanti li l-ilsien tal-feles ikun nadif mill-qoxra (bark). Fuq zkuk ta’ inqas minn pulzier normalment inpoġġu tilqima waħda filwaqt fuq ħxuna ta’ pulzier tlaqqam bi tnejn, waqt li fuq tlett pulzieri tlaqqam b’erbgħa … maż-żmien, ix-xogħol jurik waħdu.

Issa wara li nwaħħlu l-feles, intektkuh tnejn ħafif bil-martell kemm isib postu. Inkunu nistgħu norbtuh bit-tape tal-karti u nippruvaw nagħlqu kull xaqq fejn tista’ taqa’ ż-żebgħa tas-siġar u ttellef milli t-tilqima taqbad. Wara nħobb nagħti żewġ dawriet tape tas-siġar (trasparenti) u fl-aħħar niżbogħ kullimkien biż-żebgħa tas-siġar u anki r-ras tal-feles. Dan jippreveni li jinxef u jinbeżaq il-feles.

It-Tilqim bil-feles

Dan hu metodu antik ieħor fejn flok naqsmu l-qoxra u l-feles jeħel fit-tarf, hawn naqsmu z-zokk min-nofs u ndaħħlu l-feles fiz-zokk qoxra ma’ qoxra.

Mela naqsmu z-zokk minn nofsu b’sikkina u martell żgħir. U ninżlu madwar 3-4ċm.

Inxerrħu l-feles bħat-tilqima tal-kuruna, bl-unika differenza li fuq ġenb minnu nħallu l-qoxra tul il-feles kollu.

Dejjem noqogħdu attenti meta nużaw għodda jaqtgħu u nżommu kaxxa tal-ewwel għajnuna fil-qrib allaħares inweġġgħu.

Qabel indaħħlu l-feles, jekk ma jkollniex is-sikkina tat-tilqim li għandha tip ta’ leva biex tiftaħ iz-zokk nistgħu nużaw turnavit ċatt biex iwessa’ x-xaqq ħalli l-filsa jidħlu ħafif.

Ladarba li jidħlu marsusin, inkunu nistgħu noħorġu l-leva jew turnavit. Importanti li l-filsa jkollhom il-qoxra bi dritt mal-qoxra tal-għerq. Wara norbtuh bit-tape tal-karti u nippruvaw nagħlqu kull xaqq fejn tista’ taqa’ ż-żebgħa tas-siġar u ttellef milli t-tilqima taqbad. Wara nħobb nagħti żewġ dawriet tape tas-siġar (trasparenti) u fl-aħħar niżbgħu kullimkien biż-żebgħa tas-siġar u anki r-ras tal-feles. Dan jippreveni li jinxef u jinbeżaq il-feles.

It-Tilqim bil-qoxra

It-tilqim bil-qoxra huwa aktar diffiċli biex jirnexxi u trid aktar prattika … imma li għandu tajjeb hu li s-siġra ma jkiddhiex għax ma għandekx bżonn taqtagħha.

Biex naqilgħu l-qoxra rridu sikkina taqta’ u naqtgħu bil-mod u fil-wiċċ forma ta’ djamant. Kulma trid tinżel minn 2-4mm skont iż-żmien tas-siġra. Wara li naqtgħuh, nillevaw bil-mod u suppost il-qoxra taqbeż f’idejna. Importanti nżommuha nadifa.

Fuq is-siġra li ser inlaqqmu naqtgħu bis-sikkina linja forma tal-ittra T u naraw li l-qoxra tinfetaħ ħafif qisha bieb.

Nibdew inżerżqu l-qoxra ġox-xaqq li għamilna. Naraw li tidħol issikkata u li tidħol rasha ‘il fuq.

Fl-aħħar naraw li għalaqna l-qoxra sew u li ħallejna l-għajn biss tidher. Norbtu b’tape tal-karti jew siġar u nħallu l-għajn mikxufa ħalli tara d-dawl. L-aħjar tuża pinzell irqiq ħalli tiżbogħ il-ġrieħi kollha u ma tinxifx il-qoxra.

Miktub minn Jonathan Sacco
Qari tal-provi Joseph Herbert

2 thoughts on “It-Tilqim

Leave a comment